Granet
Ghall-Festa
294

L-Għaqda tal-Armar Madonna tas-Sokkors ġiet imwaqqfa fid-29 ta’ Lulju 1991 taħt l-isem ta’ Għaqda Żgħażagħ Armar. Il-fundaturi ta’ din l-Għaqda kienu Reuben Micallef (illum Arċipriet) u Roberto Gauci (illum Reverendum). Reuben Micallef inħatar bħala l-ewwel President tal-Għaqda Żgħażagħ Armar u Roberto Gauci inħatar President xi ftit snin wara, meta Reuben Micallef beda l-kors tat-teoloġija fis-Seminarju Maġġuri. L-għan ewlieni ta din l-Għaqda kien li tkabbar u ssebbaħ l-Armar estern tal-Festi Titulati tagħna li dak iż-żmien kien hemm ftit li xejn.


Mat-twaqqif tal-Għaqda, numru sabiħ ta’ żgħażagħ u tfal bdew jingħaqdu magħha u kull membru beda jrawwam fih l-kult tal-Armar. Peress li n-numru ta’ membri beda jiżdied fis-snin tal-bidu, inħasset il-ħtieġa li jiġu ffurmati sotto-kumitati li għandhom imwaqqfa sal-ġurnata tal-llum. Għalhekk, tlett snin wara li twaqqfet l-Għaqda jiġifieri fis-sena 1994, ġiet iffurmata l-ewwel sezzjoni – Klabb 8 ta’ Lulju. L-iskop ta’ din is-sezzjoni kien u għadu li l-membri f’eta żgħira jidħlu f’din is-sezzjoni u jibdew jitrawwmu fid-delizzju ta’ l-Armar. Din is-sezzjoni torganizza bosta attivitajiet soċjali sabiex ikun jista jiġi ffinanzjat l-Armar. Sena wara, jiġifieri fl’ 1995, ġiet iffurmata t-tieni sezzjoni – Kummisjoni Marċi Brijużi. Din is-sezzjoni ġiet iffurmata bl’iskop ewlieni li torganizza l-Marċ ta’ Filgħodu li kien beda jiġi organizzat u ffinanzjat minn din is-sezzjoni. Il-Kummisjoni Marċi Brijużi tieħu ħsieb ukoll il-briju kollu relatat mal-festa.

Fis-sena 1995, il-Kappillan Franġisk Debrincat (illum Monsinjur) ta l-amministrazzjoni tal-Bar taċ-Ċentru lil Għaqda tal-Armar. Dak iż-żmien, iċ-Ċentru kien jintuża biss għad-Duttrina. L-Għaqda ta’ l-Armar għamlet xogħol kbir ta ristruzzazjoni ġewwa dan il-bini u dan għadu jsir kull meta jkun hemm il-ħtieġa mill-membri tal-Għaqda. Iċ-Ċentru Parrokjali ingħata l-isem ta’ Ċentru 8 ta’ Lulju. Hawn sar it-tieni dar ta ħafna żgħażagħ li ta kuljum jiltaqgħu hemm sabiex isiru attivitajiet soċjali kif ukoll laqgħat kemm reliġjużi u soċjali. Fis-Sena 2000, l-Għaqda Armar Madonna tas-Sokkors bniet Sala ġewwa dan iċ-ċentru sabiex isservi bħala sede tal-istess Għaqda u din ingħatat l-isem ta’ Sala Salvatore Busuttil. Hawn jinżammu il-laqgħat kollha tal-Għaqda kif ukoll jinżamm l-Arkivju.

Waħda mill-akbar ġrajjiet ta’ din l-Għaqda kienet il-wasla tal-istatwa taż-Żewġ fis-sena 1996. Din l-istatwa kienet ġiet ikkumissjonata u mħallsa mill-Għaqda u saret għand l-artist Michael Camilleri Cauchi. Wieħed jista’ jgħid li din l-istatwa saret is-simbolu tal-Għaqda u ta’ kull sena issir dimostrazzjoni, nhar il-Ħamis tal-Festa fejn imbagħad din l-istatwa titella’ fuq il-pedestall fi Pjazza Salvatore Busuttil.

Avveniment ieħor importanti fl-istorja tal-Għaqda tal-Armar Madonna tas-Sokkors kien fis-sena 1997. Fl-okkażżjoni taċ-Ċentinarju mill-wasla tal-istatwa Titulari, l-Għaqda kienet akkwistat u rregalat lil Knisja l-istatwa t-titulari l-antika tal-artist Lo Turco. Din ġiet irregalata permezz ta’ kuntrat quddiem in-nutara Mariosa Grech nhar it-tmienja ta’ Lulju 1997 wara l-purċissjoni li kienet saret bl-istatwa titulari preżenti minn Pjazza Indipendenza sas-Santwarju Parokkjali ta’ Kerċem. Fis-sena 2001, l-Għaqda għalqet għaxar snin u għal din l-okkazzjoni ġie imnedi is-sit elettroniku tal-Għaqda.

Fil-preżent l-Għaqda tal-Armar Madonna tas-Sokkors tħaddan numru sabiħ ta membri li matul iż-żmenijiet ħadmu kemm felħu sabiex illum nistgħu naraw dan l-armar uniku li r-raħal Ta’ Kerċem biss joffri. Fil-jiem tal-Festa wieħed jara l-frott ta’ din l-Għaqda ħabrieka.... minn toroq ‘għarwiena’, dawn jinbidlu f’toroq imżejna b’rikkezzi mill-isbaħ. Pjazza San Girgor, Triq Giuseppi Briffa, Triq Dr. Anton Calleja, Pjazza Salvatore Busuttil, Pjazza Orvieto, Triq Sarġ...... araw x’tibdil sar kemm ilha mwaqqfa l-Għaqda tal-Armar Madonna tas-Sokkors. Dawn it-toroq huma l-ftit mill-armar meravilja li wettqet l-Għaqda matul is-snin. Armar ieħor qed isir fl-preżent u żgur li hemm proġetti oħra li fis-snin li ġejjin ser narawhom jitwettqu.
   Join us on facebook